Malta
Il-Kostituzzjoni tipprovdi għal-libertà tar-reliġjon, u liġijiet u linji politiċi oħrajn ikkontribwew għall-prattikar ġeneralment b’mod liberu tar-reliġjon. Il-Kostituzzjoni tistabbilixxi l-Kattoliċiżmu Ruman bħala r-reliġjon tal-Istat.
Ġeneralment, il-Gvern dejjem irrispetta l-libertà reliġjuża fil-prattika. Matul il-perjodu tar-rappurtaġġ, ma kien hemm ebda tibdil fl-istatus tar-rispett għal-libertà reliġjuża mill-Gvern.
Ma kien hemm ebda rapport ta’ abbuż jew diskriminazzjoni min-naħa tas-soċjetà fuq il-bażi tal-affiljazzjoni, it-twemmin jew il-prattika reliġjuża.
Il-gvern tal-Istati Uniti jiddiskuti l-libertà reliġjuża mal-Gvern bħala parti mill-politika ġenerali tiegħu li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem.
Sezzjoni I. Id-Demografija Reliġjuża
Il-pajjiż huwa arċipelagu, li jikkonsisti minn tliet gżejjer abitati fil-Baħar Mediterran, u għandu erja ta’ 122 mil kwadru. Il-popolazzjoni tal-pajjiż hija ta’ ftit aktar minn 400,000 ruħ. Il-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini, 95 fil-mija (stima tal-2004), huma Kattoliċi Rumani, u 53 fil-mija (stima tal-2005) jattendu l-quddies ta’ nhar ta’ Ħadd b’mod regolari. Kważi l-mexxejja politiċi kollha tal-pajjiż huma Kattoliċi prattikanti.
Ħafna mill-kongregati fil-knejjes Protestanti lokali huma persuni Brittaniċi rtirati mix-xogħol li jgħixu fil-pajjiż jew persuni minn pajjiżi oħrajn li jkunu fuq btajjel twal fil-pajjiż. Il-Kopti u l-Kristjani Ortodossi Griegi, unjoni ta’ 16-il grupp ta’ knejjes evanġeliċi li jikkonsistu minn knejjes Pentekostali u knejjes mhux denominazzjonali oħrajn, kif ukoll ix-Xhieda tal-Ġeħova, Church of Jesus Christ of Latter-day Saints (Mormoni), l-Avventisti tas-Seba’ Jum, il-Buddisti Zen, u membri tat-twemmin Baħai huma preżenti wkoll. Minn fost it-3,000 persuna Musulmana li huwa kkalkolat li jgħammru fil-pajjiż, madwar 2,250 huma barranin, 600 huma ċittadini naturalizzati u 150 huma ċittadini mwielda fil-pajjiż. F’Malta hemm moskea waħda u skola primarja Musulmana. Hemm ukoll kongregazzjoni Lhudija b’madwar 100 membru. Madwar 2 fil-mija tal-popolazzjoni ma jipprattikaw ebda reliġjon b’mod formali.
Sezzjoni II. L-Istatus tar-Rispett tal-Gvern għal-Libertà Reliġjuża
Qafas Legali/Politiku
Il-Kostituzzjoni tipprovdi għal-libertà tar-reliġjon, u liġijiet u linji politiċi oħrajn ikkontribwew għall-prattikar ġeneralment b’mod liberu tar-reliġjon. Il-liġi fuq il-livelli kollha tħares dan id-dritt b’mod sħiħ kontra abbuż mill-gvern jew minn atturi privati.
Il-Kostituzzjoni tistabbilixxi l-Kattoliċiżmu Ruman bħala r-reliġjon tal-Istat u tiddikjara li l-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika għandhom "id-dmir u d-dritt li jgħallmu liema prinċipji huma tajbin u liema huma ħżiena." Id-divorzju mhuwiex disponibbli fil-pajjiż; madankollu, l-istat ġeneralment jirrikonoxxi d-divorzji ta’ individwi ddomiċiljati barra l-pajjiż li jkunu lestew il-proċeduri tad-divorzju f’qorti kompetenti.
Il-Kostituzzjoni tistabbilixxi li "il-persuni kollha f’Malta" għandhom "il-libertà sħiħa tal-kuxjenza u jgawdu mill-eżerċizzju ħieles tal-mod rispettiv tagħhom tal-qima reliġjuża."
Il-Gvern u l-Knisja Kattolika pparteċipaw f’fondazzjoni li ffinanzjat l-iskejjel Kattoliċi u pprovdew tagħlim b’xejn f’dawk l-iskejjel.
Il-Gvern issussidja l-għajxien tat-tfal fi djar residenzjali sponsorjati mill-knisja.
Sabiex jippromwovu t-tolleranza, il-kurrikuli tal-iskejjel jinkludu studji fid-drittijiet tal-bniedem, ir-relazzjonijiet etniċi u d-diversità kulturali bħala parti mill-edukazzjoni tal-valuri.
Il-gruppi reliġjużi mhumiex meħtieġa li jkunu liċenzjati jew reġistrati.
Il-Gvern josserva l-btajjel reliġjużi li ġejjin bħala btajjel nazzjonali: il-Festa ta’ Marija Omm Alla, il-Festa tal-Għarqa ta’ San Pawl, il-Festa ta’ San Ġużepp, il-Ġimgħa l-Kbira, Ħadd il-Għid, il-Festa ta’ San Pietru u San Pawl, il-Festa tal-Assunzjoni ta’ Marija, il-Festa tal-Madonna tal-Vitorja, il-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, u Jum il-Milied.
L-organizzazzjonijiet reliġjużi kollha għandhom drittijiet legali simili. L-organizzazzjonijiet reliġjużi jista’ jkollhom proprjetà, inkluż bini, u l-mexxejja reliġjużi tagħhom jistgħu jżewwġu u jkollhom funzjonijiet oħrajn.
Waqt li t-tagħlim reliġjuż fil-Kattoliċiżmu huwa obbligatorju fl-iskejjel kollha tal-Istat, kemm il-Kostituzzjoni kif ukoll l-Att dwar l-Edukazzjoni jistabbilixxu d-dritt li persuna ma tirċevix dan it-tagħlim jekk issir oġġezzjoni mill-istudent, ġenitur jew persuna li tieħu ħsieb lill-persuna minuri.
Restrizzjonijiet fuq il-Libertà Reliġjuża
Ġeneralment, il-Gvern dejjem irrispetta l-libertà reliġjuża fil-prattika. Ma kien hemm ebda tibdil fl-istatus tar-rispett għal-libertà reliġjuża mill-Gvern matul il-perjodu tar-rappurtaġġ.
Il-Musulmani jistgħu jiltaqgħu u jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom b’mod liberu. Kongregati Musulmani li ġew imġiegħla jagħlqu ċ-ċentru tat-talb informali tagħhom f’appartament privat fl-2007, baqa’ jkollhom aċċess għal moskea mwaqqfa mill-World Islamic Call Society, li ilha tiffunzjona sa mill-1973. Hemm ukoll moskea informali ġewwa ċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa, fejn ħafna immigranti irregolari huma pprovduti akkomodazzjoni wara li jiġu rilaxxati miċ-ċentri ta’ detenzjoni magħluqa.
F’Marzu 2009, raġel ġie arrestat, mgħoddi ġuri u ngħata sentenza sospiża ta’ xahar priġunerija wara li nstab ħati li kasbar ir-reliġjon Kattolika (offiża kriminali li tista’ tiġi kkastigata b’sa sitt xhur priġunerija) billi libes ta’ Kristu waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival fi Frar fil-villaġġ tan-Nadur. Barra minn hekk, ġie rrappurtat li individwi oħrajn li libsu tal-appostli ġew arrestati iżda ma ttiħdux passi kontrihom bil-liġi.
F’Marzu wkoll, qamet kontroversja fuq il-fdalijiet umani li nstabu fil-kumpless tal-katakombi tal-era Rumana fil-belt tar-Rabat. Minħabba l-preżenza ta’ simboli Lhud fuq bosta mis-siti tad-dfin, organizzazzjoni Lhudija internazzjonali mhux governattiva riedet li l-fdalijiet jerġgħu jindifnu f’daqqa skont ir-riti tal-Lhud, filwaqt li l-awtorità tal-wirt lokali talbet li s-sit u l-fdalijiet kollha jiġu kkatalogati u rreġistrati bir-reqqa qabel jerġgħu jindifnu (dwar liema ntlaħaq qbil). Fl-aħħar tal-perjodu tar-rappurtaġġ, in-nuqqas ta’ qbil kien għadu ma ġiex solvut, u l-katalogar tal-fdalijiet kien għadu għaddej.
Ma kien hemm ebda rapport ta’ persuni reliġjużi li nżammu priġunieri jew arrestati fil-pajjiż.
Konverżjoni Reliġjuża Sforzata
Ma kien hemm ebda rapport ta’ konverżjoni reliġjuża sforzata, inkluż ta’ ċittadini Amerikani minuri li kienu nħatfu jew tneħħew illegalment mill-Istati Uniti, jew li ma tħallewx jirritornaw lejn l-Istati Uniti.
Sezzjoni III. L-Istatus tar-Rispett tas-Soċjetà għal-Libertà Reliġjuża
Matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ, ma kien hemm ebda rapport ta’ abbuż jew diskriminazzjoni min-naħa tas-soċjetà fuq il-bażi tal-affiljazzjoni, it-twemmin jew il-prattika reliġjuża.
Il-Knisja Kattolika tagħmel il-preżenza u l-influwenza tagħha tinħass fil-ħajja ta’ kuljum; madankollu, il-persuni mhux Kattoliċi, inkluż dawk konvertiti mill-Kattoliċiżmu, ma jiffaċċjaw ebda diskriminazzjoni legali jew li tappartjeni lis-soċjetà. Ir-relazzjonijiet bejn il-Knisja Kattolika u l-gruppi reliġjużi mhux Kattoliċi huma ta’ rispett lejn xulxin u jikkooperaw bejniethom. Il-membri tal-gruppi reliġjużi mhux Kattoliċi jistgħu jikkonvertu b’mod liberu.
Sezzjoni IV. Politika tal-Gvern tal-Istati Uniti
Il-gvern tal-Istati Uniti jiddiskuti l-libertà reliġjuża mal-Gvern bħala parti mill-politika ġenerali tiegħu li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem. Id-diskussjonijiet tal-Ambaxxata mal-uffiċjali tal-gvern u l-programmi informattivi tagħha għall-pubbliku jenfasizzaw b’mod konsistenti d-drittijiet bażiċi tal-bniedem, inkluż il-libertà tar-reliġjon.
Permezz ta’ varjetà ta’ programmi ta’ affarijiet pubbliċi, l-Ambaxxata kompliet taħdem ma’ setturi differenti tas-soċjetà, inkluż ma’ gruppi reliġjużi, biex tippromwovi d-djalogu inter-reliġjuż, il-libertà reliġjuża u t-tolleranza. Fl-2008, l-ambaxxatriċi tat lezzjoni dwar il-Musulmani fl-Amerika fil-fergħa Maltija tal-Islamic Call Society, organizzat Iftar (ikla tradizzjonali tal-musulmani) fir-residenza uffiċjali tagħha, u pparteċipat f’ċelebrazzjoni tal-Għid tal-Lhud organizzata mill-komunità Lhudija.